Il-Qrati

Il-missjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja hija “li jipprovdu servizzi effettivi u effiċjenti kemm għall-pubbliku kif ukoll għall-ġudikatura, strutturi u għarfien sabiex jippermettu lill-pubbliku jifhem, isegwi u jkun informat dwar il-proċessi ġudizzjarji li jista’ jkun involut fihom u sabiex jipprovdu lill-ġudikatura bil-persunal, għodda u servizzi sabiex tista’ ssir il-ġustizzja sew u b’mod effiċjenti.”

L-Amministrazzjoni tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti hija r-responsabbiltà tal-Uffiċjal Kap Eżekuttiv, iżda r-responsabbiltà legali għall-implimentazzjoni tal-ordinijiet ġudizzjarji hija tar-Reġistratur tal-Qrati. Għaldaqstant, hemm diviżjoni ċara bejn ir-rwoli amministrattivi u legali.

Hemm tliet reġistraturi, jiġifieri r-Reġistratur, il-Qrati u t-Tribunali Ċivili, ir-Reġistratur, il-Qrati u t-Tribunali Kriminali u r-Reġistratur, il-Qrati u t-Tribunali ta’ Għawdex. Ir-Reġistraturi tal-Qrati huma responsabbli għar-reġistri u l-uffiċjali marbuta magħhom, il-preżentata u n-notifika tal-atti ġudizzjarji, ir-reġistrazzjoni tal-minuti tas-seduti, l-eżekuzzjoni tat-titoli eżekuttivi, bħas-sentenzi, u l-mandati permezz ta’ marixalli appuntati mill-Qorti, is-subbasti, il-ġurijiet u proċeduri oħra tal-qorti kriminali.

L-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti tieħu ħsieb il-proċedimenti ċivili u kriminali kollha. Hemm ukoll għaxar Tribunali Lokali f’Malta u Għawdex li jieħdu ħsieb ir-reati dipenalizzati.

Il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, komposta minn tliet imħallfin. Hija qorti tal-appell f’kawżi dwar l-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni u l-invalidità tal-liġijiet. Għandha ġuriżdizzjoni oriġinali sabiex tiddeċiedi kwistjonijiet dwar is-sħubija fil-Kamra tar-Rappreżentanti u kwalunkwe referenza li ssir għaliha dwar il-votazzjoni għall-elezzjoni tal-membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

Meta tisma’ appelli minn sentenzi tal-Qorti Ċivili, il-Qorti tal-Appell tkun komposta minn tliet imħallfin, u meta tisma’ appelli mill-Qorti tal-Maġistrati fil-ġuriżdizzjoni ċivili tagħha, tkun komposta minn imħallef wieħed. Il-Qorti tal-Appell għandha wkoll ġuriżdizzjoni sabiex tisma’ appelli minn deċiżjonijiet ta’ numru ta’ tribunali amministrattivi, l-iktar dwar punti ta’ dritt.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali fil-ġuriżdizzjoni superjuri tagħha hija komposta minn tliet imħallfin u hija kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar appelli minn deċiżjonijiet tal-Qorti Kriminali. Persuna misjuba ħatja fuq att ta’ akkuża tista’ tappella quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali kontra l-kundanna tagħha fil-kawżi kollha jew kontra s-sentenza mogħtija fuq il-kundanna tagħha kemm-il darba s-sentenza ma tkunx waħda ffissata bil-liġi. Appell imressaq minn akkużat ma jista’ qatt jirriżulta f’sentenza aktar gravi. Persuna akkużata tista’ wkoll tappella kontra verdett ta’ mhux ħati minħabba ġenn. F’ċerti każijiet, il-Qorti tista’ wkoll tordna li jsir proċess ġdid. L-Avukat Ġenerali, li huwa l-prosekutur quddiem il-Qorti Kriminali, jista’ jappella minn verdett ta’ liberazzjoni jew, f’ċerti każijiet, kontra sentenza li tkun ingħatat. Il-Qorti tisma’ wkoll appelli mressqa mill-akkużat u mill-Avukat Ġenerali minn deċiżjonijiet dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà u minn deċiżjonijiet fuq eċċezzjonijiet dwar l-ammissibilità tal-evidenza.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali fil-ġuriżdizzjoni inferjuri tagħha hija komposta minn imħallef wieħed u tiddeċiedi dwar appelli minn sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti tal-Ġudikatura Kriminali. F’dan il-każ il-persuna misjuba ħatja tista’ wkoll tappella fi kwalunkwe każ, kemm jekk kontra l-kundanna jew kontra l-kwalità u l-kwantità tal-kundanna. Id-dritt tal-Avukat Ġenerali sabiex jappella minn dawn is-sentenzi huwa limitat f’kawżi ta’ appell minn deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti tal-Ġudikatura Kriminali fil-kompetenza ordinarja tagħha iżda, altrimenti, għandu d-dritt ta’ appell bla xkiel fil-kawżi l-oħra kollha.

Fil-ġurijiet, il-Qorti Kriminali hija komposta minn imħallef wieħed u minn ġuri ta’ disa’ persuni ordinarji. Hija għandha l-kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar kawżi li jeċċedu l-kompetenza tal-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti tal-Ġudikatura Kriminali. F’ċerti każijiet, il-Qorti tista’ wkoll tagħmel seduti mingħajr ġuri maħtur.

Għandu jkun hemm erba’ sezzjonijiet fil-Qorti Ċivili li lilhom għandhom ikunu assenjati l-kategorija tal-kawżi. Is-sezzjonijiet tal-Qorti Ċivili għandhom ikunu s-Sezzjoni tal-Familja, is-Sezzjoni Kummerċjali, is-Sezzjoni tal-Ġuriżdizzjoni Volontarja (qabel magħrufa bħala s-Sekond’Awla) u s-sezzjoni ta’ ġuriżdizzjoni ġenerali bħala l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili. Imħallef wieħed jippresjedi fl-erba’ Sezzjonijiet kollha.

Il-Prim’Awla tieħu konjizzjoni tal-kawżi kollha ta’ natura ċivili u kummerċjali li ma jeċċedux il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Maġistrati. Huwa partikolarment importanti li tieħu konjizzjoni tar-rikorsi kollha għal rimedji fir-rigward ta’ vjolazzjonijiet allegati tad-drittjiet u libertajiet fundamentali tal-bniedem protetti kemm mill-Kostituzzjoni ta’ Malta kif ukoll mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Konvenzjoni ilha parti mil-Liġijiet ta’ Malta mill-1987.

Il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) għandha tiġi assenjata dawk il-kawżi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Qorti Ċivili u li jirrigwardaw kwistjonijiet regolati permezz tat-Titoli I, II u IV tal-Ewwel Ktieb tal-Kodiċi Ċivili, l-Ordinanza dwar l-Eżekuzzjoni ta’ Digrieti ta’ Manteniment; l-Att dwar l-Eżekuzzjoni Reċiproka ta’ Ordnijiet ta’ Manteniment; l-Att dwar iż-Żwieġ u l-Att dwar is-Sekwestru u l-Kustodja tal-Minuri.

Kawżi li jirrigwardaw kwistjonijiet regolati permezz tal-Att dwar il-Kumpanniji għandhom jiġu assenjati lill-Qorti Ċivili (Sezzjoni Kummerċjali). Is-seduti ta’ din il-Qorti għandhom jinstemgħu kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

Rikorsi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Qorti Ċivili u li jirrigwardaw kwistjonijiet irregolati mit-Titoli III, V, VI u VII tal-Ewwel Ktieb tal-Kodiċi Ċivili u t-Taqsima II tat-Tieni Ktieb tal-Kodiċi tal-Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili għandhom jiġu assenjati lill-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Ġuriżdizzjoni Volontarja). Dawn l-oqsma jinkludu l-awtorità sabiex tipproċessa t-tutela tal-minuri, l-adozzjoni, l-interdizzjoni u l-inabilitazzjoni tal-persuni, il-ftuħ tas-suċċessjonijiet u l-konferma tal-eżekuturi testamentarji.

Din il-Qorti, li hija komposta minn Maġistrat wieħed, teżerċita kemm ġuriżdizzjoni ċivili kif ukoll kummerċjali.
Il-Qorti tal-Maġistrati, fi kwistjonijiet ċivili, għandha ġuriżdizzjoni inferjuri tal-prim’istanza, limitata għal talbiet li jaqbżu l-€5,000 iżda ma jaqbżux il-€15,000. Fi kwistjonijiet kriminali, il-Qorti tal-Maġistrati għandha kompetenza doppja, jew bħala Qorti tal-Ġudikatura Kriminali jew bħala Qorti ta’ Inkjesta Kriminali. Il-kompetenza tal-Qorti hija ddeterminata mill-kundanna li reat partikolari jġib miegħu. Fil-każ ta’ reati li jġibu magħhom sentejn ħabs jew inqas, dawn jaqgħu fil-kompetenza oriġinali tal-Qorti, fir-rigward ta’ reati li jġibu magħhom iktar minn sentejn u inqas minn tnax-il sena ħabs, dawn jaqgħu f’dak li huwa magħruf bħala l-kompetenza estiża tal-Qorti. Il-Qorti tal-Maġistrati hija wkoll involuta fil-kumpilazzjoni tal-evidenza f’kawżi li jeċċedu l-kompetenza tagħha, iżda f’dan il-każ, il-Qorti tal-Maġistrati hija responsabbli biss għall-kumpilazzjoni tal-evidenza, peress li s-sentenza hija mbagħad riżervata għal qorti superjuri.

Hemm Qorti tal-Maġistrati għall-Gżira ta’ Malta u waħda għal Għawdex u Kemmuna.

Il-Qorti tal-Minorenni tikkonsisti f’Maġistrat, bħala President, u żewġ membri. Is-seduti jinżammu barra l-Belt Valletta, speċifikament f’Sta. Venera. Il-Qorti tisma’ akkużi kontra, u żżomm proċeduri oħra relatati ma’ minuri taħt l-età ta’ 18-il sena, u tista’ toħroġ Ordnijiet għall-Ħarsien tagħhom. Tenut kont tan-natura kunfidenzjali ta’ tali seduti, l-attendenza għas-seduti hija ristretta għall-persuni msemmija fil-liġi li tistabbilixxi l-Qorti.

Il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex fi kwistjonijiet ċivili, għandha Ġuriżdizzjoni doppja – ġuriżdizzjoni inferjuri meta mqabbla ma’ dik eżerċitata mill-Qorti kontroparti f’Malta, u ġuriżdizzjoni superjuri, kemm ċivili u kummerċjali, fir-rigward tal-kawżi li f’Malta tieħu konjizzjoni tagħhom il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili. Fil-limiti tal-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha, din il-Qorti għandha wkoll is-setgħat ta’ Qorti ta’ ġuriżdizzjoni volontarja.