Din il-paġna hija maħsuba biex tipprovdi sfond ġenerali dwar is-servizzi online li qed jiġu offruti mill-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti.
Il-pubbliku u l-professjonisti legali (Avukati, Prokuraturi Legali u Nutara) għandhom il-faċilità li jfittxu:
•Kawżi Ċivili – fejn wieħed jista’ jfittex kull każ ċivili.
• Sentenzi – fejn wieħed jista’ jfittex u jniżżel id-deċiżjonijiet tal-Qrati ta’ Malta u Għawdex.
• Bejgħ Ġudizzjarju – fejn wieħed jista’ jaċċessa informazzjoni dwar il-bejgħ ġudizzjarju li jkun se jseħħ.
• Użu tas-sala – fejn wieħed jista’ jfittex seduta speċifika tal-qorti skont id-data u jsib l-awla partikolari tagħha.
• Reġistru tal-Insolvenza – fejn wieħed jista’ jirkupra informazzjoni dwar proċeduri ta’ insolvenza ta’ kumpaniji u proċeduri ta’ falliment ta’ individwi mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-lum.
• Statistika tal-Qorti – fejn wieħed jista’ jikseb data tal-qorti dwar kawżi pendenti u mitmuma ta’ snin preċedenti.
Il-pubbliku u l-professjonisti legali għandhom il-faċilità li jħallsu online:
• Multi tal-Qorti – li permezz tagħhom jistgħu jitħallsu multi maħruġa mill-Qorti.
• Drittijiet tar-Reġistru tal-Qorti – li permezz tagħhom wieħed jista’ jħallas online id-Drittijiet tar-Reġistru li huma dovuti lir-Reġistratur wara li tiġi deċiża kawża fil-qorti.
Il-pubbliku u l-professjonisti legali għandhom il-faċilità li jirċievu:
Notifiki bil-mobile – li permezz tagħhom wieħed jista’ jirreġistra biex jirċievi SMS dwar id-data tas-seduta li jmiss tal-qorti kif ukoll l-aġġornament ta’ seduta.
Il-pubbliku u l-professjonisti legali jistgħu jorbtu ma’ oħrajn:
Online Decisions Portal – joffri link għas-sentenzi mogħtija mit-Tribunal għas-Servizzi Finanzjarji, Tribunal Industrijali, Ċentru ta’ Arbitraġġ ta’ Malta kif ukoll it-Tribunal tal-Konsumatur.
Il-pubbliku u l-professjonisti legali jistgħu jitolbu:
Testmenti Sigrieti – li permezz tagħhom wieħed jitlob tfittxija testamentarja għall-ħruġ ta’ ċertifikat dwar testment sigriet ta’ persuna mejta.
• Arkivju tal-Atti – fejn wieħed jista’ jitlob kopja skannjata u/jew stampata ta’ tipi differenti ta’ atti.
Il-pubbliku u l-professjonisti legali jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet onlajn permezz ta’:
• Sottomissjoni ta’ Atti – fejn wieħed jista’ jippreżenta u jħallas applikazzjoni(jiet) Ċivili jew Kriminali. Hemm applikazzjonijiet li jistgħu jiġu ppreżentati biss mill-professjonisti legali minħabba l-formalitajiet u r-rekwiżiti legali stabbiliti mil-Liġi filwaqt li applikazzjonijiet oħra jistgħu jiġu ppreżentati kemm mill-professjonisti legali kif ukoll mill-pubbliku inġenerali. Idħol bil-kredenzjali tal-E-ID hija meħtieġa għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet onlajn.
Servizzi addizzjonali meta illoggja bil-kredenzjali tal-e-ID:
• Il-Każijiet Ċivili Tiegħi – jagħti aċċess għall-kawżi ċivili kollha li fihom persuna hija parti.
• L-Atti Tiegħi – jagħti aċċess għall-atti ġudizzjarji kollha ppreżentati f’isem dik il-persuna.
• Interdizzjonijiet – reġistru mal-lista ta’ persuni rikonoxxuti bħala interdetti, inkapaċitati u ċċertifikati mentalment instabbli wara ordni tal-Qorti.
• Warrants – jagħti aċċess għal warrants ippreżentati f’isem persuna jew entità partikolari.
• Formoli Ċivili – li huma formoli stabbiliti bil-Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta u li jintużaw ta’ spiss mill-professjoni legali biex jiġġeneraw rikors fil-Qorti Ċivili.
Minbarra dawn is-servizzi kollha, il-professjonisti legali jistgħu jingħataw aktar aċċess permezz tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Qorti dwar il-Każijiet, Atti u Mandat Ċivili. Talbiet għal tali aċċess isiru billi tintbagħat email lil [email protected]. Il-verifiki meħtieġa jsiru mid-Direttorat tal-Qrati Ċivili fir-rigward tad-dettalji personali tagħhom u ċ-ċertifikat tal-warrant. Barra minn hekk, il-professjonisti legali rreġistrati mad-Direttorat Ċivili jistgħu jiġu konnessi mal-kawżi ċivili tagħhom sabiex jirċievu notifiki bl-email b’digrieti interlokutorji kif ukoll traskrizzjonijiet ta’ provi viva-voce.
