- Tribunali Lokali
- It-Tribunal dwar Talbiet Żgħar
- It-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva
- Il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar
Numru ta’ ksur minuri tal-liġi bħar-reati minuri tat-traffiku (vjolazzjonijiet tar-regoli tal-parkeġġ, eċċ.), ir-rimi illegali tal-iskart, il-kiri, eċċ., huma ppenalizzati u mismugħa mill-Kummissarji għall-Ġustizzja fit-Tribunali Lokali li jinsabu f’diversi lokalitajiet. Il-Kummissarji huma magħżula fost nies li għandhom lawrja fil-liġi u maħtura għal tliet snin. Peress li r-reati ġew dipenalizzati, il-kawża tista’ tinstema’ anke fl-assenza tal-akkużat. L-appelli huma permissibbli biss fuq punti tal-liġi.
It-Tribunal dwar Talbiet Żgħar huwa presedut minn ġudikatur li jiddeċiedi l-każijiet fuq prinċipji ta’ ekwità skont it-liġi. Il-ġudikaturi huma maħtura minn fost l-avukati għal perjodu ta’ ħames snin. Il-ġudikaturi jiddeċiedu każijiet miġjuba quddiemhom mingħajr dewmien. L-għan huwa li talbiet li ma jaqbżux is-somma ta’ €5,000 jiġu deċiżi b’mod sommarju. Is-seduti ta’ dan it-Tribunal jinżammu f’Malta jew Għawdex. Appell minn deċiżjoni tat-Tribunal jista’ jsir quddiem il-Qorti tal-Appell fuq każijiet speċifiċi mniżżla fl-Att li jistabbilixxi t-Tribunal.
Fl-1 ta’ Jannar 2009 (A.L. 345 tal-2008), ġew fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Ġustizzja Amministrattiva (Kapitolu 490 tal-Liġijiet ta’ Malta). L-għan ta’ dan l-att huwa li jipprevedi dispożizzjonijiet għall-ġustizzja amministrattiva f’Malta. Dan l-att jipprevedi t-twaqqif tat-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva, il-kostituzzjoni tiegħu, il-President tiegħu, is-sezzjonijiet, kumitati ta’ assistenti, ir-reġistru, il-proċedura u l-appelli mid-deċiżjonijiet tat- Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva. It-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva huwa tribunal indipendenti u imparzjali li japplika l-prinċipji ta’ mġiba amministrattiva tajba.
It-Tribunal huwa mwaqqaf għar-reviżjoni ta’ atti amministrattivi. Huwa jikkonsisti fi President maħtur għal perjodu ta’ erba’ snin mill-President ta’ Malta li jaġixxi fuq il-parir tal-Prim Ministru. It-Tribunal huwa assistit minn żewġ assistenti u jżomm is-seduti f’Malta u Għawdex.
L-atti amministrattivi jinkludu l-ħruġ mill-amministrazzjoni pubblika, jiġifieri mill-Gvern ta’ Malta, inkluż il-Ministeri u d-dipartimenti tiegħu, l-awtoritajiet lokali u kwalunkwe korp korporattiv stabbilit mil-liġi, ta’ kwalunkwe ordni, liċenzja, permess, warrant, awtorizzazzjoni, konċessjoni, deċiżjoni jew ċaħda ta’ kwalunkwe talba magħmula minn membru tal-pubbliku. Kwalunkwe parti fil-proċeduri quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva li tħossha leża b’deċiżjoni ta’ dak it-Tribunal tista’ tappella quddiem il-Qorti tal-Appell fil-kompetenza tagħha superjuri jew dik inferjuri.
Ir-Regolament dwar il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar – ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 stabbilixxa Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ġew fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2009. L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li lftehim fuq tilwim transkonfinali dwar talbiet żgħar jiġi ssimplifikat u mħaffef. Huwa japplika għal kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fejn it-talba ma teċċedix il-€5,000. Din il-proċedura hija proċedura bil-miktub. Ir-rikorrent għandu jibda din il-proċedura billi jimla l-Formola A standard li tinkludi deskrizzjoni tal-provi li jappoġġjaw it-talba. Wara li tirċievi formola tat-talba mimlija kif suppost, il-qorti jew it-tribunal għandhom jimlew il-Parti 1 tal-Formola C tar-riposta standard. Kopja tat-talba għandha tkun notifikata lill-konvenut u għandha tintbagħat fi żmien 14-il ġurnata. Il-konvenut għandu jibgħat ir-risposta tiegħu fi żmien 30 jum min-notifika tat-talba. Il-formola tat-talba għandha tintbagħat fil-lingwa jew f’waħda mil-lingwi tal-qorti jew tat-tribunal.
Il-formoli huma disponibbli online fuq is-sit elettroniku tal-Atlas Ġudizzjarju Ewropew fuq dan il-link u fir-Reġistru tal-Qrati Ċivili. F’Malta, it-Tribunal għal Talbiet Żgħar jisma’ u jiddetermina talbiet li jirriżultaw skont ir-Regolament dwar il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.
