L-Artiklu 234 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jgħid li l-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-kompetenza li tagħti sentenzi preliminari dwar l-interpretazzjoni tat-Trattat, il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Komunità u tal-BĊE u l-interpretazzjoni tal-istatuti ta’ korpi kostitwiti b’xi att tal-Kunsill. Meta l-kwistjoni titqajjem quddiem xi qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru, dik il-Qorti jew tribunal jistgħu, jekk ikun jidhrilhom li deċiżjoni fuq dik il-kwistjoni tkun meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti deċiżjoni dwarha. Meta l-kwistjoni titqajjem f’każ pendenti quddiem xi qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra id-deċiżjonijiet tagħhom ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, dik il-qorti jew dak it-tribunal, għandhom jirreferu l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja.
L-Avviż Legali 279 tal-2008 jistabbilixxi li għandha tkun ir-responsabbiltà tal-qorti, u mhux tal-partijiet, li tfassal it-termini tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej. Ir-rinviju għandu jidentifika b’mod ċar, fil-qosor u sempliċi kemm tippermetti n-natura tal-każ, id-domanda li għaliha l-qorti Maltija trid tikseb risposta. Il-qorti tar-rinviju għandha f’dokument wieħed sottomess mad-deċiżjoni tar-rinviju tidentifika l-partijiet u tiġbor fil-qosor in-natura u l-istorja tal-proċedimenti, tiġbor fil-qosor il-fatti prinċipali, u tindika jekk dawn ġewx ippruvati, ammessi jew assunti, tagħmel referenza għar-regoli tal-liġi nazzjonali (sostantiva u proċedurali) li huma ta’ rilevanza għall-kwistjoni, tiġbor fil-qosor l-argumenti tal-partijiet sa fejn dawn huma rilevanti, tispjega għaliex qed tintalab deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, billi jiġu identifikati d-dispożizzjonijiet tad-dritt komunitarju li l-effett tagħhom jolqot il-kwistjoni u tifformula, mingħajr kumplessità żejda, id-domandi li għalihom tintalab risposta.
